Arisa Bezzina
Grade 6 St Stephen
Malta għaddiet minn żminijiet differenti u f’din il-kitba jien ħa noħodkom fil-passat biex naraw u napprezzaw Malta fl-antik.
Nibdew biż-żmien Neolitiku fejn l-ewwel nies issetiljaw ġewwa t-tempji Megalitiċi. Eżempji nsibu Ħaġar Qim fil-Qrendi u l-Ġgantija fix-Xagħra Għawdex. Dak iż-żmien in-nies kienu jibbażaw fuq l-agrikoltura u l-annimali. Meta immur f’dawn t-tempji nitpaxxa bil-ġmiel li nara u nirrifletti fuq il-ħila li kellhom dawn in-nies ta’ dak iż-żmien. Inħossni ixxurtjata li ngħix ġewwa gżira mimlija storja.
Wara dan iż-żmien Neolitiku, Malta għaddiet minn Żmien il-Bronż fejn kien jiġi żviluppat il-metall. Dak iż-żmien kien hemm il-kummerċ tal-metall. Ftit warajh, kien hemm żmien il-Ħadid fejn kien hemm l-influwenza kbira tal-Feniċi.
Il-Feniċi ħakmu lil Malta u ħallew ħafna influwenza kulturali u lingwistika. F’Malta nsibu il-katakombi tar-Rabat, fdalijiet fl-Imdina u numru ta’ fuħħar u ġojjellerija. L-iktar fdalijiet importanti li nstabu ta’ epoka tal-Feniċi huma l-kalendarju puniku magħruf bħala ċ-Ċippus.
Wara l-Feniċi ġiet l-epoka tal-Kartaġiniżi u wara dik Rumana. Ir-Rumani kienu mportanti għall-iżvilupp tat-toroq u irħula, lingwa, kummerċ, agrikoltura u liġi.
Il-Biżantini li ġew Malta wara ir-Rumani għenu biex jinxtered il-Kristjaneżmu f’Malta. Madankollu l-influwenza Kristjana ġiet mibdula minn dik Għarbija waqt il-perjodu tal-Għarab f’Malta. Dan il-perjodu li dam 800 sena huwa ferm importanti għall-istorja Maltija fejn ġiet influwenzata l-kultura u l-lingwa mitkellma fil-gżejjer Maltin. L-għeruq tal-lingwa Maltija hija dik Semitika. F’dan il-perjodu ukoll inbniet il-belt tal-Imdina li għal ħafna snin kienet il-belt kapitali ta’ Malta.
L-Għarab ġew imkeċċija mill-gżejjer minn Normanni li reġgħu daħħlu f’Malta r-reliġjon Kristjana. Dan ta bidu għaż-żmien medjevali. Wieħed mill-iktar perjodi mportanti kien dak ta’ Żmien il-Kavallieri li damu Malta għal iktar minn mitejn sena. F’dawn iż-żminijiet inbnew l-iswar ta’madwar il-Port il-Kbir kif ukoll il-Belt Valletta.
Wara l-Kavallieri, għal senten biss, Malta kienet immexxija mill-Franċiżi. Minkejja li huwa perjodu li ta’ spiss jiġi mpinġi f’lenti negattiva, minħabba s-serq ta’ bosta knejjes Maltin mill-Franċiżi, ftit jiġi msemmi li dawn daħħlu f’Malta edukazzjoni b’xejn għal kulħadd kif ukoll dahhlu f’Malta bosta liġijiet importanti.
L-aħħar forza barranija kienet dik Ingliża. L-Ingliżi damu Malta mitejn sena fejn fihom Malta inbidlet f’bażi navali u militari. Fi żmien l-Ingliżi, Malta kienet involuta f’żewġ gwerer dinjija. L-Ingliżi nfluwenzaw il-kultura, il-lingwa, u s-sistema skolastika Maltija sal-ġurnata tal-lum.
Miktuba u mpinġija minn Arisa Bezzina

